Arkivju Orali u Awdjoviżiv 


MEMORJA huwa l-arkivju orali u awdjoviżiv tal-Arkivji Nazzjonali ta' Malta. L-għeruq ta' dan il-proġett imorru lura għall-Proġett tal-Memorja Nazzjonali. Dan kien tnieda fl-2004 u MEMORJA kien beda fl-2017 bil-għan li jiġi żviluppat fl-arkivju ewlieni tal-memorja nazzjonali u pubblika ta'Malta.  

   

​​
                                                                                                          (Powster Politiku) 


L-oġġettiv tagħna huwa li nutilizzaw riċerka, metodoloġiji u sistemi tal-arkivjar mill-aktar avvanzati biex niġbru, nirreġistraw, nittraskrivu, nippreservaw, u nagħmlu aċċessibbli memorji komuntarji u individwali, storja u tradizzjonijiet orali kif ukoll għarfien u esperjenzi tal-poplu Malti. Il-ħaddiema ta' MEMORJA - li ġew imħarrġa fl-istorja orali - iwettqu xogħol fil-komunit​à u jgħanu l-arkivji tagħna b'kollezzjonijiet ta'memorji u tifkiriet, ritratti personali, dokumenti, efemera, rikordji tal-awdjo u filmati li huma ddepożitati b'tant ġenerożità fl-ANM.  

           (Taħt: Bdiewa fuq xogħlhom fis-Siġġiewi)
             

Il-preżenza kostanti ta' fieldworkers impenjati f'riċerka fil-komunità għamlet l-ANM dejjem aktar viżibbli. Ir-relazzjoni ta' fiduċja li nbniet bejn l-istituzzjoni u l-pubbliku minħabba xogħol kontinwu estendiet l-operat tal-ANM u wessgħet il-konfini tal-proġett b'mod sinifikanti. Filwaqt li l-proġett ma jeskludix xi reġistrazzjonijiet/rekords ta' kwalunkwe ġeneru, bħala tami ġew magħżula dawk li għalihom diġà​ sar xogħol. Dawn it-temi jinkludu l-Esperjenzi tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-Migrazzjoni, il-Baħar, il-Karozzi tal-linja, l-Agrikoltura, l-Industrija u l-Pandemija tal-COVID-19.
 



Il-materjal iddiġitizzat kollu li jaqa' taħt l-ambitu tal-proġett ser jiġi ppreservat, ikkatalogat u ppreżentat fuq sit elettroniku uffiċċjali li għandu jitnieda dalwaqt.
 
 
(Sajjieda jgħabbu x-xbiek fuq il-luzzu - Wied iż-Żurrieq)